ANNESS 1: IL-ĦOLQIEN TA’ GRUPP TA’ DISKUSSJONI

http://register.un75.online

Jekk tiddeċiedi li toħloq grupp ta’ diskussjoni, uża proċess ta’ għażla ċar u trasparenti bi kriterji ddefiniti sew u ġustifikabbli. Il-kwalità tal-konsultazzjoni(jiet) se tiddependi ħafna fuq rappreżentazzjoni kredibbli ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati differenti.

Il-kriterji biex jiġu identifikati l-parteċipanti jistgħu jinkludu:

  • Kredibbiltà
  • Kompetenza u għarfien lokali ta’ kwistjonijiet ta’ żvilupp
  • Kapaċità istituzzjonali
  • Rappreżentazzjoni ta’ komunità jew grupp emarġinat
  • Organizzazzjonijiet ibbażati fuq is-sħubija li jiffukaw fuq kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali
  • Responsabbiltà għal komunità jew grupp li jkun qed jiġi rrappreżentat
  • Bilanċ bejn is-sessi u bejn il-ġenerazzjonijiet
  • Lokalità f’żoni urbani, rurali jew remoti

Immappjar tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli nazzjonali u subnazzjonali jista’ jgħin jiddefinixxi u jibbilanċja l-parteċipazzjoni fi ħdan u fost il-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati, jiċċara d-dinamika u r-relazzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw il-konsultazzjonijiet, u jiżgura li min suppost jiġi inkluż ma jitħalliex barra.

Id-data għall-immappjar tista’ tkun diżaggregata skont is-sess, l-etniċità, ir-residenza (rurali, slums jew urbani), u s-setturi ta’ attività ekonomika, fost possibbiltajiet oħra, biex tirrifletti s-sitwazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ gruppi ewlenin differenti.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil atturi li tipikament ma jipparteċipawx, bħall-adoloxxenti, il-ħaddiema migranti, il-persuni mingħajr dar, il-ħaddiema tas-sess eċċ. Xi parteċipanti jista’ jkollhom lakuni fil-ħiliet jew limitazzjonijiet ta’ ħin (bħal telf ta’ paga ta’ jum) li jirrikjedu arranġamenti. Uħud minnhom jista’ jkollhom bżonn ta’ ħin separat, forsi b’faċilitatur tal-proċess, biex jiżviluppaw l-inputs tagħhom fi ħdan l-istrutturi tagħhom qabel ma jaqsmuhom mal-konsultazzjoni usa’. Għandek iżżomm f’moħħok ir-riskji ta’ sigurtà personali għal xi gruppi emarġinati.

PREPARAZZJONI GĦAL GRUPP TA’ DISKUSSJONI

Dawn il-punti li ġejjin jistgħu jkunu utli għat-tħejjija ta’ pjan ta’ konsultazzjoni, inkluż biex jitħarsu l-prinċipji ta’ inklużjoni, ekwità u responsabbiltà.

  • Hemm xi restrizzjonijiet li jimblukkaw il-parteċipazzjoni ta’ ċerti gruppi?
  • Hemm differenzi bejn id-diversi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, pereżempju fir-rigward tar-rappreżentazzjoni, id-delega tas-setgħa u/jew ir-regola tal-maġġoranza?
  • L-għodod jew il-kanali ta’ komunikazzjoni kif jistgħu jiġu magħmula apposta għall-valuri, in-normi u l-lingwi tal-partijiet ikkonċernati?
  • X’mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni kulturalment xierqa jistgħu jiġu stabbiliti?
  • Nistgħu nużaw istituzzjonijiet jew forums ta’ djalogu eżistenti li jiffunzjonaw tajjeb, eż. mekkaniżmi tas-soċjetà ċivili jew nazzjonali?
  • Kif inxerrdu l-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet minn kmieni, biex il-parteċipanti jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju ruħhom?
  • Il-partijiet ikkonċernati li ħadu l-ħin u taw l-isforz tagħhom fil-konsultazzjoni kif jistgħu jiġu infurmati bir-riżultati? (Nota: Qed tiġi żviluppata pjattaforma globali biex tippreżenta l-eżiti ewlenin tad-diskussjonijiet mit-tim ta’ UN75.)
  • X’mekkaniżmi ta’ feedback se jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati għandhom ċans jagħmlu suġġerimenti jew iqajmu tħassib?

PASSI BIEX TMEXXI GRUPP TA’ DISKUSSJONI

Id-djalogi kollha għandhom ikunu bbażati fuq nota ta’ kunċett u termini ċari ta’ referenza. F’xi każijiet, dawn jistgħu jeħtieġu li jiġu adattati (lingwa, format) abbażi ta’ udjenzi differenti. Il-parteċipanti kollha għandu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni qabel ma jipparteċipaw. F’xi każijiet, il-faċilitatur jista’ jistabbilixxi pjan ta’ fluss ta’ xogħol għall-komunikazzjoni ta’ qabel il-konsultazzjoni mal-parteċipanti.

Ladarba jiġi deċiż iż-żmien għall-konsultazzjoni, il-faċilitaturi għandhom:

  • Jimlew il-formola ta’ reġistrazzjoni ta’ NU75, li se tipprovdi numru ta’ identifikazzjoni li jintuża biex jintraċċa diversi djalogi.
  • Jinfurmaw lill-parteċipanti dwar l-aġenda tal-konsultazzjoni u materjal ta’ sfond ieħor
  • Għal gruppi fejn il-persuni se jattendu fiżikament, jistiednu 12-il ruħ mill-istess kostitwenza (eż. żgħażagħ). Dan ġeneralment se jirriżulta fi 8 sa 10 parteċipanti li jattendu l-grupp.
  • Jiddokumentaw data demografika jew soċjoekonomika dwar dawk preżenti, iżda jaqsmu din l-informazzjoni biss bil-permess tal-parteċipanti.
  • Jiġbru ritratti, reġistrazzjonijiet bl-awdjo u bil-video biex jinkorporawhom fil-formola ta’ feedback tal-moderatur u għal skopijiet ta’ komunikazzjoni bil-kunsens tal-parteċipanti.
Close Menu